Raġunament ta’ gendus Serb ordinarju

Ħafna għeġubijiet jiġru f’din id-dinja, u pajjiżna huwa, bħalma jgħidu ħafna, imfawwar bl-għeġubijiet sa tali punt li l-għeġubijiet ma jibqgħux għeġubijiet. Hawn nies hawnhekk ta’ pożizzjonijiet għolja, li lanqas biss jaħsbu, u bħala kumpens, jew forsi għal xi raġunijiet oħra, il-gendus ta’ kampanjol ordinarju, li m’għandu l-ebda differenza minn gniedes oħra, beda jaħseb. Alla biss jaf x’ġara li għamel lil dan l-annimal inġenjuż jazzarda biex jibda proġett daqshekk żiemli, speċjalment peress li kien ntwera li fis-Serbja din l-okkupazzjoni sfortunata setgħet biss iġġiblekdisservizz. Ejja ngħidu li dan il-povrudimonju, ta’ vavu li kien, lanqas biss kien jaf li dan ix-xogħol mhuwiex profitabbli f’art twelidu, allura mhuwiex attribwit ma’ qlubija ċivika. Però, jibqa’ misteru għalxiex gendus għandu jaħseb, peress li hu majivvutax, la kien kunsillier, la kien maġistrat, la qatt ġie elett deputat f’xi għaqda baqrija, jew lanqas kien (dejjem jekk kien laħaq ċerta età) senatur. U kieku dan il-povru annimal qatt ħolom isir ministru tal-istat f’xi pajjiż baqri, kellu jkun jaf li bil-kuntrarju, kellu jipprattika kif jaħseb mill-inqas possibbli, bħal dawk il-ministri eċċellenti f’pajjiżi aktar henjin, għalkemm pajjiżna mhuwiex daqshekk fortunat f’dan l-aspett lanqas. Fl-aħħar minn l-aħħar, għalxiex għandu jimpurtana ir-raġuni għala gendus fis-Serbja għażel li jagħmel biċċa xogħol abbandunata min-nies? Barra minn hekk, jista’ jkun beda jaħseb biss minħabba xi istint naturali li kellu.

Allura x’tip ta’ gendus hu? Gendus ordinarju li għandu, bħalma tgħidilna iż-żuwologija; ras, ġisem, dirgħajn u riġlejn, bħal kull gendus ieħor; hu jiġbed il-karrettun, iħaxxex, jilgħaq il-melħ, jixtarr u jonħoq. Jismu Grejjeż.

Hekk ara, beda jaħseb. Ġurnata minnhom, sidu rabtu bil-madmad, lilu u lill-sieħbu Swejjed, għabba xi arbli misruqin fuq il-karrettun u ħadhom sar-raħal biex ibigħhom. Kważi mill-ewwel kif daħal fir-raħal, biegħ l-arbli u neħħa lill-Grejjeż u lil sieħbu minn mal-madmad, qabbad il-katina li torbothom mal-madmad, waddab qatta tiben quddiemhom, u telaq ġo dverna żgħira biex jiffriska ruħu b’xi ftit drinks. Kien hemm festival fir-raħal, allura kien hemm irġiel, nisa u tfal għaddejjin minn kull naħa. Swejjed, li kien magħruf mal-gniedes l-oħra bħala wieħed iblah mhux ħażin, ma kien iħares lejn xejn, minflok, kien jikkonċentra fl-ikel bis-serjetà kollha, kien jimla żaqqu, jinħoq xi ftit bit-tgawdija pura, u wara kien jistrieħ, jongħos u jixtarr. In-nies kollha li kienu għaddejjin, ma kinux jikkonċernawh. Qiegħed jongħos u jixtarr fil-paċi (ħasra mhuwiex bniedem, b’dawn il-predispożizzjonijiet kollha għal karriera siwja). Iżda Grejjeż, lanqas setgħa jieħu gidma waħda. B’għajnejh ħalliemin u bl-espressjoni mnikkta fuq wiċċu, wera eżatt malli tilmħu li huwa kien ħosbien, u li kien ħelu w impressjonabbli. Nies, Serbi, għaddejjin ħdejh, kburin bil-passat glorjuż tagħhom, b’isimhom, bin-nazzjoni tagħhom, u din il-kburija turi mill-imġieba ħarxa tagħhom u minn passithom. Grejjeż osserva dan kollu, u ruħu f’daqqa waħda ġiet ikkunsmatha mid-diqa u l-uġigħ, minħabba dan is-sens t’inġustizzja tremend, u ma setgħatx ma tirbħux emozzjoni f’daqqa daqshekk qawwija u b’saħħitha; hu naħaq imnikket, bid-dmugħ inixxi minn għajnejh. Bl-uġigħ kollu li kellu f’qalbu, Grejjeż beda jaħseb:

– Ta’ xiex huma kburin sidi u l-kompatrijotti tiegħu, is-Serbi? Għalxiex jgħollu rashom daqshekk ‘il fuq u jħarsu lejn niesi b’mod imkabbar u bid-disprezz? Huma kburin t’art twelidhom, kburin li d-destin ħenn għalihom u ppermettilhom jitwieldu hawnhekk fis-Serbja. Ommi wellditnihawn, fis-Serbja wkoll, u s-Serbja mhux biss art twelid, iżda hija wkoll art twelid missieri, bħalma l-antenati tiegħu, eżatt bħal tagħhom, kollha kemm huma, ġejjin minn din l-art Slava. Iżda, ħadd minnha l-gniedes ma qatt konna kburin biha, aħna konna biss kburin bil-kapaċitàli ngħabbu għat-telgħa; s’issa, qatt ma kien hawn gendus li qal lil xi gendus Ġermaniż: “Xi trid mingħandi, jien gendus Serb, art twelidi l-art kburija tas-Serbja, l-antenati tiegħi kollha twieldu hawnhekk, u hawn, f’din l-art, hawn l-oqbra ta’ missirijieti.” Allaħares qatt, qatt ma konna kburin ta’ dan kollu, qatt ma ġietna f’rasna, u huma kburin ta’ dan kollu. X’nies strambi!”

Imħasseb minn dan kollu, il-gendus imnikket, xejjer rasu , bil-qanpiena ddoqq m’għonqu u bil-madmad iqarqaċ. Swejjed fetaħ għajnejh lejn sieħbu u gireż:

– Hemm erġajt bi ħmerijietek! Kul, iblah, żid naqa’ xaħam, għandek il-kustilji ħerġin ‘il barra;  li kieku xi ħaġa tajba li taħseb, in-nies ma kinux iħalluha f’idejna l-gniedes. Żgur ma konniex inkunu daqshekk fortunati!

Grejjeż tħassar lil sieħbu, dawwar rasu minn lejh, u reġa għaddas rasu fi ħsibijietu.

– Huma kburin tal-passat glorjuż tagħhom. Huma għandhom l-Għalqa ta’ Kosovo tagħhom, il-Battalja ta’ Kosovo. Ħaġa kbira…l-antenati tiegħi ma kinux ġarrew il-karrettuni bl-ikel u bl-armamenti anki f’dawk iż-żminijiet? Li kieku ma kienx għalina, in-nies kien ikollhom iġorru kollox huma. Imbagħad hemm ukoll l-irvell kontra it-Torok. Ħaġa nobbli u grandjuża, iżda minn kien magħhom dak iż-żmien? Kienu dawn il-boloh b’imnieħerhomimxammar, li moħħhom biex jiffanfraw quddiemi, daqslikieku mertu tagħhom, li rvellaw? Ħu lil sidi bħala eżempju. Anki hu kburi u jiftaħar bl-irvell, speċjalment bil-fatt li l-bużnannu tiegħu miet fil-gwerra tal-liberazzjoni bħala eroj ta’ veru. U dan mertu ta’ sidi? Il-bużnannu tiegħu kellu d-dritt ikun kburi, mhux hu; iżda il-bużnannu tiegħu miet sabiex sidi, id-dixxendent tiegħu, setgħa jkun liberu. Allura hu liberu, u x’jagħmel bil-libertà tiegħu? Jisraq l-arbli ta’ ħaddieħor, joqgħod bilqiegħda fuq il-karrettun, u jien irrid niġbed kemm lilu u kemm l-arbli, sakemm ikun rieqed. Issa biegħ l-arbli, qed jixrob il-liker, ma jagħmel xejn u kburi bil-passat glorjuż tiegħu. U kemm minn l-antenati tiegħi ġew maqtula waqt l-irvell biex jitimgħu lill-ġellieda? U l-antenati tiegħi dak iż-żmien ma kinux jiġbdu l-armamenti, il-kanuni, l-ikel, u l-munizzjoni? Iżda aħna m’aħniex kburin bil-merti tagħhom għax aħna ma nbdilniex; aħna xorta nagħmlu dmirjietna illum, bħalma kienu jagħmlu l-antenati tagħna, bil-paċenzja u bil-kuxjenza.

Huma kburin bit-tbatijiet ta’ missirijiethom u ta’ ħames mitt sena fl-iskjavitù. Niesi soffrew matul ħajjitna, u anki issa bqajna nsoffru u għadna skjavi, iżda ma nwerżqux ħabba f’hekk. Jgħidu li t-Torok ħaqruhom, qatluhom, u ġerrħuhom; ħeq, l-antenati tiegħi ġew maqtula kemm mis-Serbi, kif ukoll mit-Torok, u mixwijin, u għaddew minn kull tip ta’ ħruxija.

Kburin bir-reliġjon tagħhom, iżda ma jemmnu f’xejn. Għalxiex ma nistgħux niġu aċċettati fost il-Kristjani? Ir-reliġjon tagħhom jgħid “La tisraqx” u hemm arah sidi, jisraq u jberbaq il-flus li għamel minn fuq is-serq għal fuq ix-xorb. Ir-reliġjon tagħhom jisħaq li għandek tħobb lil ġarek, iżda huma jagħmlu biss ħsarat lil xulxin. Għalihom, l-aqwa tal-irġiel, eżempju tal-virtù, huwa dak li ma jagħmilx ħsarat ovvjament, u ovvjament, ħadd ma jikkunsidra jsaqsi lil xi ħadd jagħmel xi ħapa tajba wkoll, apparti milli ma jagħmilx ħsarat. Daqshekk waqgħu fil-baxx li l-eżempji tagħhom tal-virtù ma jammontawx aktar minn oġġett bla użu li ma jagħmilx ħsara.

Il-gendusħa nifs fil-fond, u nifsu għolla t-trab mit-triq.

– Allura – kompla l-gendus bil-ħsibijiet mnikktin li kellu – F’dan il-każ, jien u familti m’aħniex aħjar minnhom kollha? Jien qatt ma qtilt lil ħadd, qatt m’għamilt malafami lil ħadd lanqas il-ħbieb, qatt ma sraqt xejn, qatt ma keċċejt lil ħadd mis-servizz pubbliku, m’għamiltx defiċit fit-teżor tal-istat, ma ddikjarajtx falliment falz, ma rbattx jew arrestajt nies innoċenti, qatt ma mort kontra l-prinċipji tiegħi tal-gniedes, qatt m’għamilt xhieda foloz, jien qatt ma kont ministru tal-istat u qatt m’għamilt ħsarat lill-pajjiż, u mhux talli qatt m’għamilt ħsara, talli ngħin lil dawk li jweġġgħuni. Ommi wellditni, u mill-ewwel, nies kattiviserquli l-ħalib t’ommi mingħandi. Alla almenu ħalaq il-ħaxix għalina l-gniedes, u mhux għall-bniedem, iżda jċaħduna minnu wkoll. Minbarra dak is-swat kollu, xorta nġorrulhom il-karrettuni, naħartulhoml-għelieqi tagħhom u nitimgħuhom il-ħobż. Iżda ħadd ma jammetti l-merti tagħna ta’ dak li nagħmlu f’art twelidna…

– Jew ħu s-sawm bħala eżempju; lill-bnedmin, ir-reliġjon tgħidilhomisumu fil-festi kollha, u lanqas biss għandhom il-ħila jissapporti ftit sawm, waqt li jien u niesi nsumu ħajjitna kollha, mindu konna għadna qed nixorbu l-ħalib ta’ sider ommna.

Il-gendus niżżel rasu bħallikieku kien inkwetat, imbagħad reġa’ tegħlaha, nefaħ bir-rabbja, u deher li xi ħaġa mportanti kienet ġejja lura lejh, tittormentah; f’daqqa waħda, gireż bil-ferħ:

– Oh, issa laqtitni – u kompla jaħseb, – bilfors huma kburin bid-drittijiet ċivili u bil-libertà li għandhom. Irrid npoġġi moħħi fuqha.

U kien qed jaħseb, jaħseb, imma ma setgħax jifhem.

– X’inhuma dawn id-drittijiet tagħhom? Jekk il-pulizija jġiegħluhom jivvutaw, huma jivvutaw, u hekk, nistgħu faċilment nigirżu: “Faaaa-vuuuur!” U jekk ma jordnawlhomx jivvutaw, lanqas biss jissograw jivvutaw, u jindaħlu fil-politika, eżatt bħalna. Fil-ħabs anki jekk ikunu kompletament innoċenti, jiġu msawwta. Almenu aħna nonħquu nxejrudenbna, u huma lanqas biss għandhom dak il-ftit ta’ kuraġġ ċiviku.

U f’dak il-mument, sidu ħareġ minn ġod-dverna. Fis-sakra, għajnejh imċajpra, igedwed xi kliem ma jinftiehemx, huwa serrep lejn il-karrettun.

– Ara, dan kif huwa dixxendent kburi, juża l-libertà li ġiet mirbuħa bid-demm tal-antenati tiegħu? Eżatt, sidi huwa xurban u ħalliel, iżda kif jużaw il-libertà tagħhom l-oħrajn? Biex jieqfu u jkunu kburin bil-passat u bil-metru tal-antenati tagħhom, li ikkontribwixu miegħu daqskemm ikkontribwixejt jien. U aħna l-gniedes, bqajna biżlin u ħaddiema utli, bħalma kienu l-antenati tagħna. Aħna gniedes imma xorta nistgħu nkunu kburin bix-xogħol bieżel u l-merti tagħna, illum.

Il-gendus ħa nifs fil-fond u prepara għonqu għall-madmad.

 

F’Belgrad, 1902.
Għall-Proġett “Radoje Domanović” tradotta bil-Malti minn Christianne Portelli, 2021.

Ознаке:, , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , ,

About Домановић

https://domanovic.wordpress.com/about/

Оставите одговор

Попуните детаље испод или притисните на иконицу да бисте се пријавили:

WordPress.com лого

Коментаришет користећи свој WordPress.com налог. Одјавите се /  Промени )

Google photo

Коментаришет користећи свој Google налог. Одјавите се /  Промени )

Слика на Твитеру

Коментаришет користећи свој Twitter налог. Одјавите се /  Промени )

Фејсбукова фотографија

Коментаришет користећи свој Facebook налог. Одјавите се /  Промени )

Повезивање са %s

%d bloggers like this: