Mexxej (2/3)

(il-paġna ta’ qabel)

L’għada, kull min kellu l-qlubija sabiex imur għal vjaġġ twil inġabar. Aktar minn mitejn familja inġabru fil-post il-magħżul. Ftit biss kienu baqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb ta’ din iż-żona.

Kienet fil-fatt xena nikkitija, li tħares lejn din il-ġemgħa nies li tant kellhom sfortuna li kellhom jabbandunaw lill-art twelidhom u l-istess art fejn kienu jidfnu lill-antenati tagħhom. In-nies dehru mfarrkin, mherrijin u b’ġildthom maħruqa mir-raġġi kefrin tax-xemx. It-tbatija ta’ dawk is-snin kollha, mimlijin ħidma, ħallew impatt fuqhom u juru viżwali mimlija miżerja u disperazzjoni. Iżda, f’dan il-mument, raw raġġ ta’ tama – mħallat man-nuqqas li ħassew ħabba li kellhom jitilqu minn art twelidhom. Id-dmugħ beda jroxx fuq ħaddejn xi rġiel xjuħ li karbu desperatament u ċaqilqu rashom b’arja ta’ stmerrija ta’ ħażen. Kienu jippreferu jibqgħu hemm ftit ieħor, sabiex huma wkoll kienu jkunu jistgħu jmutu fost dan il-ħaġar, minflok ifittxu art aħjar. Ħafna nisa ħambqu u selmu lill-maħbubin mejtin tagħhom, ta’ min kellhom jitilqu l-oqbra.

L-irġiel pruvaw jagħtu xeħta ta’ qlubija u bdew jgħajjtu, – Mela tridu tibqgħu tmutu bil-ġuħ f’din l-art misħutau tgħixu f’dawn il-griebeġ? – Fil-verità, kieku setgħu, kienu jippreferu jieħdu dawk l-inħawi misħuta u dawk il-griebeġ fqajrin.

Kien hemm il-ħsejjes u l-għajjat bħalma ġeneralment tisma’ minn ġemgħa nies. Kemm l-irġiel u n-nisa kienu qed jiqomsu. It-tfal kienu qed iwerżqu fil-benniena fuq dahar ommhom. Anki l-bhejjem kienu nkwetati. Baqar ma kienx hemm ħafna, forsi xi għoġol l’hinn u l’hawn u mbagħad tara żiemel mixrub u msewwef b’ras daqsiex u b’saqajn imbaċċin li fuqhom kienu qed jgħabbu twapet qodma, basktijiet, kif ukoll żewġt ixkejjer fuq is-sarġ, b’tali mod li dan il-povru animal ixxengel taħt dak il-piż kollu. Minkejja dan, irnexxielu jibqa’ fuq saqajh u jiżher darba kultant. Xi nies oħra kienu qed jgħabbu l-ħmir; it-tfal kienu qed jiġbdu l-klieb miċ-ċineg. It-tbalbil, l-għajjat, id-dagħa, in-newħ, il-biki, l-inbiħ, iż-żhir – irrenja fuq kollox. Anki ħmar minnhom beda jonħoq xi kultant. Madanakollu, il-mexxej lanqas kelma ma qal, bħallikieku ma kien xejn affari tiegħu. Għaref ta’ vera!

Baqa’ bilqiegħda ħosbien fis-skiet, b’rasu mniżżla. Darba kultant, kien jobżoq mal-art; dak kollox. Ħabba din l-imġiba stramba li kellu, tant kibret il-popolarità tiegħu li kulħadd kien lest jagħmel kollox għalih. Dawn it-taħditiet setgħu jinstemgħu:

– Għandna nkunu kburin li sibna raġel bħal dan. Ma nafx x’konna nagħmlu mingħajru, Alla jberikna! Konna mmutu mingħajru. Kif ngħidlek jien, bravu wisq! Kwiet, għadu lanqas biss qal kelma! – Qal wieħed minnhom waqt li kien qed iħares lejn il-mexxej b’ħarsa mimlija rispett u kburija.

– Xi tridu jgħid? Dawk li jitkellmu ħafna ma tantx jaħsbu. Raġel bravu żgur! Jaħseb u jibqa’ sieket, – żied ieħor, u ħares lejn il-mexxej bl-għaġeb.

– Mhux xi ħaġa faċli tmexxi dawn in-nies kollha! Irid jiġbor ħsibijietu peress li għandu biċċa xogħol kbir fuq idejh, – reġa’ qal l-ewwel wieħed.

Il-ħin sar biex jibdew il-vjaġġ. Stennew ftit iżda, sabiex jaraw jekk ikunx hemm xi ħadd ieħor ibiddel fehmtu u jiddeċiedi jmur magħhom, iżda la ħadd ma ġie, ma setgħux idumu iktar.

– Imorru, x’taħseb? – staqsew lill-mexxej.

Huwa qam mingħajr ebda kelma.

L-aktar irġiel qalbiena dlonk iċċirkondawh biex jipproteġġuh, fil-każ ta’ xi periklu jew emerġenza.

Il-mexxej, jitkerrah b’wiċċu l-isfel, għamel xi ftit passi u xejjer il-bastun quddiemu b’mod dinjituż. Il-ġemgħa bdiet mixja warajh u għajtet diversi drabi, “Viva il-mexxej!” Hu għamel xi ftit passi u ħabat ġol-ħajt, li kien quddiem is-sala tal-villaġġ. Hemmhekk, naturalment, waqaf; allura l-grupp waqaf ukoll. Il-mexxej resaq ftit lura u tektek diversi drabi fuq il-ħajt.

– Xi tridna nagħmlu? – huma staqsewh.

Huwa ma fetaħx ħalqu.

– X’għandna nagħmlu? Inwaqqawh dan il-ħajt! Hekk għandna nagħmlu! M’intiex tara li urina bil-bastun x’għandna nagħmlu? – għajtu dawk li kienu madwar il-mexxej.

– Hemm hi x-xatba! Hemm hi x-xatba! – għajtu t-tfal waqt li ppuntaw lejn ix-xatba li kienet oppost tagħhom.

– Isktu, tfal!

– Alla għinna, x’inhu jiġri? – in-nisa għamlu s-salib b’idejhom.

– Tgħidux kelma waħda! Jaf x’inhu jagħmel. Waqqaw il-ħajt!

F’daqqa waħda, kissruh il-ħajt, bħallikieku qatt ma kien eżista.

Qabżu l-fdalijiet tal-ħajt u baqgħu mixjin.

Bil-kemm kienu għamlu mitt pass, meta il-mexxej ħabbat ġo sġajra xewkija, u waqaf. Irnexxilu jillibera ruħu b’diffikultà kbira u wara, beda jtektek il-bastun f’kull direzzjoni. Ħadd ma ċċaqlaq.

– U issa x’ġara?– għajtu dawk li kienu qedgħin fuq wara.

– Aqtgħu din ix-xitla! – għajtu lura dawk li kienu bilwieqfa ħdejn il-mexxej.

– Hemm hi t-triq, wara ix-xitel! Hemm ara! – werżqu t-tfal u ħafna nies li kienu qedgħin fuq wara.

– Hemm hi t-triq! Hemm hi t-triq! –daħqu bihom dawk li kienu madwar il-mexxej, waqt li bdew jimitawhom bir-rabbja kollha. – Aħna rġiel għomja, kif nistgħu naraw inkunu nafu fejn ħa jeħodna? Mhux kullħadd jista’ jagħti l-ordnijiet. Il-mexxej jaf l-aħjar u l-aktar rotta diretta. Aqtgħu ix-xitla!

Huma intefgħu jiżbarazzaw il-passaġġ.

– Ajma! – għajjat xi ħadd li kellu xewka mwaħħla f’idu u xi ħadd ieħor li kellu wiċċu milqut minn fergħa tat-tut tal-għollieq.

– Aħwa, ma tistgħu takkwistaw xejn għal xejn. Tridu titbagħlu biex tirnexxu, – wieġeb l-aktar kuraġġuż fost il-ġemgħa.

Irnexxilhom iwaqqaw l-isġajra wara ħafna sforzi u komplew il-mixja tagħhom.

Wara li komplew it-tidwira tagħhom, inzertaw ċint magħmul miz-zkuk. Dan, ukoll ġie mkisser. Imbagħad komplex il-mixja tagħhom.

Fl-ewwel jum, ma tantx mxew għaliex kellhom jaħkmu ħafna ostakoli tal-istess tip. Dan kollu kellhom jagħmluh fuq stonku bażikament vojt għax xi ftit minnhom kulma kienu ġabu kien ħobż xott u xi ftit ġobon, waqt li xi nies oħra kulma kellhom xi ftit ħobż biex ixabbahom. Kien hemm xi ftit minnhom li lanqas xejn ma kellhom. Fortunatament, kien is-Sajf, allura l’hinn u l’hawn, setgħu jsibu siġar tal-frott.

B’hekk, minkejja li fl-ewwel ġurnata ma tantx kienu għadhom imxew, kellhom għeja enormi fuqhom. Ma kinux inzertaw perikli, u ma kellhomx inċidenti lanqas. Naturalment, fi proġett daqshekk kbir, dawn l-avvenimenti jridu jiġu meqjusa tnietef: xewka mweħħla fl-għajn ix-xellugija ta’ waħda mara, li għattiet b’ċarruta; tifel minnhom laqat siequ ma’ zokk u spiċċa jinfexx jibki w jzappap; raġel xwejjaħ tgerbeb fi sġajra tat-tut tal-għollieq u fekkek l-għaksa; wara li indilkitlu basla mgħaffġa, ir-raġel bil-kuraġġ kollu felaħ l-uġigħ u, imxaqleb fuq il-bastun tiegħu, zappap ‘il quddiem qalbieni wara l-mexxej. (Onestament, ħafna nies qalu li x-xwejjaħ kien qed jigdeb ħabba l-għaksa, li kien biss qed jilgħabuha tal-ferut għax kien fuq ix-xwiek biex imur lura.) Malli għadda ż-żmien, ftit biss kien għad baqa’ li ma kellhomx xi xewka f’dirgħajhom jew wiċċhom migruf. L-irġiel felħu kollox erojikament waqt li n-nisa seħħtu s-siegħa u l-mument li telqu u t-tfal bkew, naturalment, għaliex ma fehmux li dan il-ħtabit u l-uġigħ kien se jiġi premjat bil-kbir.

Għal grazzja t’Alla, lill-mexxej ma kien ġralu xejn. Frankament, biex inkunu onesti, kien protett ħafna, però xorta, dan ir-raġel kien sempliċiment fortunat. Fil-kamp tal-ewwel lejl, kulħadd talab u rringrazzja l-Alla li l-vraġġ tal-jum kien ta’ suċċess u li lill-mexxej ma kinux inqalaqlu disgrazzji. Imbagħad wieħed mill-aktar irġiel kuraġġużi beda jitkellem. Wiċċu kien migruf mis-sġajra tat-tut tal-għollieq, iżda xejn ma mpurtah minn dan.

– Aħwa, – beda. – Ġurnata ta’ suċċess tinstab warajna, għall-grazzja t’Alla. It-triq mhux faċli, iżda rridu nissapportu għaliex kollha kemm aħna nafu li din it-triq diffiċli se twassalna għall-hena. Jalla l-Mulej iżomm idejh fuq il-mexxej tagħna, minn kull deni sabiex ikun jista’ jkompli jigwidana bis-suċċess.

– Jekk għada l-affarijiet imorru bħal ma marru llum, ħa nispiċċa nitlef l-għajn l-oħra! – għajtet waħda mara bir-rabbja.

– Ajma, sieqi! – ix-xwejjaħ għajjat, imħeġġeġ mir-rimarka ta’ din il-mara.

It-tfal baqgħu jeqirdu u jnewwħu, u l-ommijiet bdew isibuha diffiċli isiktuhom sabiex il-kelliem ikun jista’ jinstema.

– Iva, ħa titlef l-għajn l-oħra, – qal bir-rabbja kollha, – u jalla titlifhom it-tnejn! Mhux xi disgrazzja għal mara waħda li titlef il-vista minn għajnejhom it-tnejn, għal kawża tajba. Imissek tistħi! Ma taħsibx għall-futur tat-tfal tiegħek? Tħalli nofsna imutu f’dan il-proġett! X’differenza tagħmel? X’inhi għajn waħda? X’użu għandhom għajnejk meta hemm xi ħadd ieħor iħares għalina u jigwidana lejn l-hena? Għandna nabbandunaw din il-biċċa xogħol biss minħabba għajnejk u minħabba sieq ix-xwejjaħ?

– Qed jigdeb! Ix-xwejjaħ qed jigdeb! Qed jagħmilha taparsi weġġa sabiex imur lura, – l-ilħna bdew jirbombjaw jgħidu minn kull naħa.

– Aħwa, kull min ma jridx ikompli mixi magħna, – Reġa’ qal il-kelliem – Ħallieh imur lura, minflok il-garr u minflok inħalluh ibaqbaqna. Sa fejn jikkonċerna lili, jien ħa nsegwi lill-mexxej għaref tagħna sakemm nibqa’ ħaj!

– Aħna kollha ħa nsegwuh! Aħna kollha ħa nsegwuh sakemm nibqgħu ħajjin!

Il-mexxej kien siket.

Kulħadd beda jħares lejl u jfesfes:

– Mitluf fi ħsibijietu!

– Raġel għaref!

– Ara ġbinu!

– U dejjem jitkerrah!

– Serju!

– Huwa kuraġġuż! Dan tista’ tara f’kull ħaġa li jagħmel.

– Dażgur! Ħitan usġajjar tat-tut – jaħrat kollox. Itektek il-bastun, ma jgħid xejn, u dejjem trid taqta’ xi jkolli fuq moħħu.

(il-paġna li jmiss)

Ознаке:, , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , ,

About Домановић

https://domanovic.wordpress.com/about/

Оставите одговор

Попуните детаље испод или притисните на иконицу да бисте се пријавили:

WordPress.com лого

Коментаришет користећи свој WordPress.com налог. Одјавите се /  Промени )

Слика на Твитеру

Коментаришет користећи свој Twitter налог. Одјавите се /  Промени )

Фејсбукова фотографија

Коментаришет користећи свој Facebook налог. Одјавите се /  Промени )

Повезивање са %s

%d bloggers like this: