Tag Archive | għerf

Mexxej (3/3)

(il-paġna ta’ qabel)

B’hekk, l-ewwel jum kien għadda, u wara, aktar ġranet segwew, ukoll mimlijin bl-istess suċċess. Xejn t’importanza kbira ma’ ġara, affarijiet żgħar biss: Tgerbu rashom għal isfel ġo fossa, imbagħad ġo gandott; ħakkew ma’ xi sies tal-ħaxix u sġajjar tat-tut tal-għollieq; rifsux-xwiek; kien hemm ħafna li kisru dirgħajhom jew saqajhom; xi ftit sofrew feriti f’rashom. Dan it-turment ġie mifluħ. Ħallew xi rġiel xjuħ imutu fit-triq. “Kienu jmutu anki kieku baqgħu d-dar, aħseb u ara fit-triq!” Il-kelliem qal, sabiex iħeġġeġ lill-oħrajn biex ikomplu. Xi tfal żgħar, li kellhom bejn sena u sentejn, ukoll spiċċaw mietu. Il-ġenituri tagħhom mingħajr ebda emozzjoni, issopprimew l-uġigħ ta’ qalb għax kienet ix-xewqa t’Alla. “L-iżgħar t-tfal, l-anqas in-niket. Meta jkunu żgħar, anqas diqa. Alla, ikkonċedi lill-ġenituri li ma jitilfux lit-tfal tagħhom meta jkunu laħqu l-età taż-żwieġ. Jekk it-tfal hekk ikunu destinati, aħjar imutu kmieni. Imbagħad, in-niket ma jkunx daqshekk kbir!” il-kelliem reġa’ farraġhom. Xi ftit geżwrulhom rjushom biċ-ċraret u waħħlulhom il-garżi fuq it-tbenġil. Uħud ġarrewlhom dirgħajhom fil-faxex. Kollha kienu mċarrta u imqattgħin. Ħwejjiġhom imdendlin imtertqin, minkejja kollox, baqgħu mixjin. Dan kollu kien ikun aktar faċli biex jissopportaw li kieku ma kienux mejtin bil-ġuħ. Imma kellhom jibqgħu mixjin.

Ġurnata minnhom, xi ħaġa sinjifikattiva seħħet.

Il-mexxej kien miexi fuq quddiem, imdawwar bl-aktar irġiel kuraġġużi tal-ġemgħa. (Tnejn minnhom kienu mitlufin, u ħadd ma kien jaf fejn kienu. Kienet opinjoni ġenerali li ttradew il-kawża tagħhom u ħarbu. F’okkażjoni minnhom, il-kelliem kien qal xi ħaġa fuq it-tradiment tagħhom tal-mistħija. Ftit biss kienu jemmnu li dawn it-tnejn kienu mietu waqt il-vjaġġ, iżda ma kienux qalu l-opinjoni tagħhom, biex ma jirrabbjawx lill-oħrajn.) Il-bqija tal-grupp kienu kollha warajhom. F’daqqa waħda, tfaċċa wied enormi, fond u blati – abbiss ta’ veru. L-għolja tant kienet imżerżqa li ħadd minnhom ma ssogra jimxi pass ‘il quddiem. Anka l-aktar kuraġġużi waqfu u ħarsu lejn il-mexxej. Jitkerrah u ħosbien b’rasu mniżżla, bil-qlubija kollha, itektek il-bastun fuq quddiem, l-ewwel fuq il-lemin, imbagħad fuq ix-xellug, bħalma jagħmel is-soltu. Bosta qalu li dan ġiegħlu jidher aktar dinjituż. Ma ħares lejn ħadd u lanqas qal xejn. Fuq wiċċu, ma kienx hemm tibdil tal-espressjoni jew traċċi ta’ biża’ waqt li kien qed javviċina l-preċipizzju. Anka l-aktar irġiel qalbiena bjadu bil-biża’, iżda ħadd minnhom ma wissieh lill-mexxej l-għaref u kuraġġuż. Żewġ passi oħra u kien fix-xifer. Bil-biża’ kollha, u b’għajnejhom miftuħin beraħ, kollha bdew jirtogħdu. L-aktar irġiel kuraġġużi kienu fil-punt li jżommuh lura, anka kieku kienet tfisser ksur ta’ dixxiplina, meta mexa darba, darbtejn, u fonda fl-irdum. F’daqqa waħda inqala ġenn sħiħ, għajjat, biki; il-biża’ ħakmithom. Kien hemm bosta li qatgħu qalbhom.

– Aħwa, stennew! X’inhi l-għaġla? Hekk iżommu kelmitkom? Irridu nsegwuh lill-għaref għax jaf x’inhu jagħmel. Irid ikun miġnun biex iħassar lilu nnifsu. Ejjew warajh! Dan x’aktarx l-aħħar ostaklu. Min jaf? Forsi n-naħa l-oħra ta’ dan l-irdum, insibu art manjifika u fertili li Alla xtaq jipprovdilna. ‘Il quddiem! Mingħajr sagrifiċċju, ma naslu mkien! – Dawk kienu il-kelmiet għarfa tal-kelliem u anki hu mexa żewġ passi ‘il quddiem għal ġol-irdum. L-aktar kuraġġużi segwew u wara, kulħadd qabeż.

Kien hemm ħafna garr u biki fuq l-għolja mżerżqa ta’ dan il-preċipizzju enormi. Wieħed kien jaħlef li ħadd qatt ma kien ħa joħroġ ħaj, aħseb u ara mingħajr tbatija u kollu sħiħ, iżda l-ħajja umana hija tenaċi. Il-mexxej kellu fortuna ta’ barra minn hawn. Iddendel mas-sġajjar sakemm kien nieżel, u b’hekk ma weġġax. Irnexxilu iqum u jitla. F’dak il-mument irbombja il-qrid, biki u garr taħtu, hu poġġa bla ċaqliq, ħosbien. Xi nies li kienu f’qagħda ħażina u rrabbjati bdew isemplulu iżda hu ma tax kashom. Dawn li kienu fortunati biżżejjed li żammew ma’ xi sġajra waqt li kienu niżlin, bdew jistrapazzaw biex jippruvaw jitilgħu. Ċerti minnhom kellhom rashom maqsuma, tant li demmhom kien qed inixxi għal fuq wiċċhom. Ħadd ma kien sħiħ ħlief il-mexxej. Kollha f’daqqa waħda bdew jitkerrħulu u jkarbu bl-uġigħ iżda hu lanqas biss għolla rasu. Kien sieket u assuma il-poża riflettiva t’għaref ta’ veru!

Xi ftit ħin għadda. In-numru ta’ vjaġġaturi baqa’ jonqos. Kuljum kienu qed jonqsu n-nies. Ftit minnhom ħallew il-grupp u ma reġgħux marru lura.

Min-numru kbir li bdew bih, xi għoxrin biss kien għad fadal. Wiċċhom kien jidher mixrub u għajjien, u kellhom dehra b’sinjali ta’ disperazzjoni, dubjuża, għejja u ġuħ, iżda ħadd ma fetaħ ħalqu. Kienu kwieti daqs il-mexxej tagħhom u baqgħu mixjin bil-mod. Anka l-kelliem entużjastiku xengel rasu bid-disperazzjoni. It-triq kienet diffiċli tassew.

In-numri tagħhom komplew jonqsu kuljum, sakemm kien fadal biss għaxra. B’uċuħ bla tama, minflok jitkellmu kull ma kienu jagħmlu jġorru u jkarbu.

Kienu jidhru magħtuba iktar milli rġiel. Ftit minnhom kienu bil-krozzi. Ftit minnhom kellhom dirgħajhom infaxxati u mdendlin m’għonqhom. Fuq idejhom kellhom ħafna faxex u garżi. Anki kieku riedu jagħmlu sagrifiċċji ġodda, ma setgħux għaliex bil-kemm kien hemm spazju fuq ġisimhom għal aktar feriti.

Anki l-aktar fosthom li kienu b’saħħithom u qalbiena kienu tilfu t-tama u l-isperanza iżda xorta baqgħu sejrin il’quddiem; jiġifieri, huma b’xi mod karfsu bil-ħtabit, bil-garr, u bl-uġigħ. X’setgħu aktar jagħmlu la ma setgħux imorru lura? Dawn is-sagrifiċċji kollha imbagħad jabbandunaw il-miġja?

L-għabex waqa’. Waqt li zappu ‘il quddiem bil-krozzi, f’daqqa waħda indunaw li l-mexxej ma kienx għadu quddiemhom. Pass ieħor u kienu jerġgħu jispiċċaw fi rdum ieħor.

– Ajma sieqi! Ajma idi! – Irbombja n-newħ u t-tikrib. Leħen dgħajjef ukoll għajret lill-mexxej, u wara reġgħet siktet.

X’ħin telgħet ix-xemx, hemm poġġa l-mexxej, l-istess bħalma kienu sabuh meta ntagħżel. Ma kienx hemm bidla waħda fl-apparenza tiegħu.

Il-kelliem telgħa barra mill-irdum, segwit minn tnejn oħra. Sfigurat u imdemmi, daru biex jaraw kemm kien għad fadal, iżda huma biss kien għad jonqos. Biża’ infernali u nuqqas ta’ tama, ħakmuhom. Iż-żona ma kienitx magħrufa u kienet tlugħija – ma kien hemm l-ebda passaġġ. Jumejn qabel kienu nzertaw triq iżda kienu komplex għaddejjin. Il-mexxej mexxihom dik in-naħa.

Ħasbu fuq il-ħafna ħbieb u qraba li kienu mietu waqt din il-miġja orribbli. Niket aktar mill-akbar uġigħ tar-riġlejn imfarrak. Kienu xhud tal-qerda tagħhom stess.

Il-kelliem mar lejn il-mexxej u beda jkellmu b’leħen imriegħed, għajjien u mimli uġigħ, disperazzjoni u mrar.

– Issa fejn sejrin?

Il-mexxej baqa’ sieket.

– Fejn ħa teħodna, u fejn ġibtna? Aħna tfajna lilna nfusna f’idejk u segwejnik, ħallejna djarna u tlaqna l-oqbra ta’ missirijietna bl-isperanza li nsalvaw ruħna mill-irvina iżda int irvinajtna b’mod agħar. Kien hawn mitejn familja warajk u issa ara kemm għad fadal!

– Trid tgħid, kulħadd mhuwiex hawnhekk? – gedwed il-mexxej mingħajr m’għolla rasu.

– Kif tista’ tistaqsi domanda hekk? Ħares ‘il fuq u tara! Għodd kemm għad hawn minna f’din il-miġja misħuta! Ara f’liem qagħda qedgħin! Aħjar mietna milli mfarrkin hekk.

– Ma nistax inħares lejk!

– Għala le?

– Jien għami.

Jaqa’ silenzju assolut.

– Tlift il-vista waqt il-vjaġġ?

– Jien twelidt għami!

It-tliet segwaċi ddispraw.

Riħ il-Ħarifa nefaħ fost il-muntanji u ġab miegħu weraq niexfa. Iċ-ċpar isseqqer fuq l-għoljiet, u ġwenħajn iċ-ċawlun ferfru fl-arja kiesħa u mċajpra. Tqaqija, qisha ta’ twissija irbombjat. Ix-xemx kienet moħbija wara s-sħab li kien qed jitgerbeb  u jgħaġġel ‘il quddiem.

It-tlieta ħarsu lejn xulxin bit-twaħħix.

– Fejn nistgħu mmorru issa? – gedwed wieħed minnhom serjament.

– Ma nafux!

 

F’Belgrad, 1901.
Għall-Proġett “Radoje Domanović” tradotta bil-Malti minn ChristiannePortelli, 2021.

Mexxej (2/3)

(il-paġna ta’ qabel)

L’għada, kull min kellu l-qlubija sabiex imur għal vjaġġ twil inġabar. Aktar minn mitejn familja inġabru fil-post il-magħżul. Ftit biss kienu baqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb ta’ din iż-żona.

Kienet fil-fatt xena nikkitija, li tħares lejn din il-ġemgħa nies li tant kellhom sfortuna li kellhom jabbandunaw lill-art twelidhom u l-istess art fejn kienu jidfnu lill-antenati tagħhom. In-nies dehru mfarrkin, mherrijin u b’ġildthom maħruqa mir-raġġi kefrin tax-xemx. It-tbatija ta’ dawk is-snin kollha, mimlijin ħidma, ħallew impatt fuqhom u juru viżwali mimlija miżerja u disperazzjoni. Iżda, f’dan il-mument, raw raġġ ta’ tama – mħallat man-nuqqas li ħassew ħabba li kellhom jitilqu minn art twelidhom. Id-dmugħ beda jroxx fuq ħaddejn xi rġiel xjuħ li karbu desperatament u ċaqilqu rashom b’arja ta’ stmerrija ta’ ħażen. Kienu jippreferu jibqgħu hemm ftit ieħor, sabiex huma wkoll kienu jkunu jistgħu jmutu fost dan il-ħaġar, minflok ifittxu art aħjar. Ħafna nisa ħambqu u selmu lill-maħbubin mejtin tagħhom, ta’ min kellhom jitilqu l-oqbra.

L-irġiel pruvaw jagħtu xeħta ta’ qlubija u bdew jgħajjtu, – Mela tridu tibqgħu tmutu bil-ġuħ f’din l-art misħutau tgħixu f’dawn il-griebeġ? – Fil-verità, kieku setgħu, kienu jippreferu jieħdu dawk l-inħawi misħuta u dawk il-griebeġ fqajrin.

Kien hemm il-ħsejjes u l-għajjat bħalma ġeneralment tisma’ minn ġemgħa nies. Kemm l-irġiel u n-nisa kienu qed jiqomsu. It-tfal kienu qed iwerżqu fil-benniena fuq dahar ommhom. Anki l-bhejjem kienu nkwetati. Baqar ma kienx hemm ħafna, forsi xi għoġol l’hinn u l’hawn u mbagħad tara żiemel mixrub u msewwef b’ras daqsiex u b’saqajn imbaċċin li fuqhom kienu qed jgħabbu twapet qodma, basktijiet, kif ukoll żewġt ixkejjer fuq is-sarġ, b’tali mod li dan il-povru animal ixxengel taħt dak il-piż kollu. Minkejja dan, irnexxielu jibqa’ fuq saqajh u jiżher darba kultant. Xi nies oħra kienu qed jgħabbu l-ħmir; it-tfal kienu qed jiġbdu l-klieb miċ-ċineg. It-tbalbil, l-għajjat, id-dagħa, in-newħ, il-biki, l-inbiħ, iż-żhir – irrenja fuq kollox. Anki ħmar minnhom beda jonħoq xi kultant. Madanakollu, il-mexxej lanqas kelma ma qal, bħallikieku ma kien xejn affari tiegħu. Għaref ta’ vera!

Baqa’ bilqiegħda ħosbien fis-skiet, b’rasu mniżżla. Darba kultant, kien jobżoq mal-art; dak kollox. Ħabba din l-imġiba stramba li kellu, tant kibret il-popolarità tiegħu li kulħadd kien lest jagħmel kollox għalih. Dawn it-taħditiet setgħu jinstemgħu:

– Għandna nkunu kburin li sibna raġel bħal dan. Ma nafx x’konna nagħmlu mingħajru, Alla jberikna! Konna mmutu mingħajru. Kif ngħidlek jien, bravu wisq! Kwiet, għadu lanqas biss qal kelma! – Qal wieħed minnhom waqt li kien qed iħares lejn il-mexxej b’ħarsa mimlija rispett u kburija.

– Xi tridu jgħid? Dawk li jitkellmu ħafna ma tantx jaħsbu. Raġel bravu żgur! Jaħseb u jibqa’ sieket, – żied ieħor, u ħares lejn il-mexxej bl-għaġeb.

– Mhux xi ħaġa faċli tmexxi dawn in-nies kollha! Irid jiġbor ħsibijietu peress li għandu biċċa xogħol kbir fuq idejh, – reġa’ qal l-ewwel wieħed.

Il-ħin sar biex jibdew il-vjaġġ. Stennew ftit iżda, sabiex jaraw jekk ikunx hemm xi ħadd ieħor ibiddel fehmtu u jiddeċiedi jmur magħhom, iżda la ħadd ma ġie, ma setgħux idumu iktar.

– Imorru, x’taħseb? – staqsew lill-mexxej.

Huwa qam mingħajr ebda kelma.

L-aktar irġiel qalbiena dlonk iċċirkondawh biex jipproteġġuh, fil-każ ta’ xi periklu jew emerġenza.

Il-mexxej, jitkerrah b’wiċċu l-isfel, għamel xi ftit passi u xejjer il-bastun quddiemu b’mod dinjituż. Il-ġemgħa bdiet mixja warajh u għajtet diversi drabi, “Viva il-mexxej!” Hu għamel xi ftit passi u ħabat ġol-ħajt, li kien quddiem is-sala tal-villaġġ. Hemmhekk, naturalment, waqaf; allura l-grupp waqaf ukoll. Il-mexxej resaq ftit lura u tektek diversi drabi fuq il-ħajt.

– Xi tridna nagħmlu? – huma staqsewh.

Huwa ma fetaħx ħalqu.

– X’għandna nagħmlu? Inwaqqawh dan il-ħajt! Hekk għandna nagħmlu! M’intiex tara li urina bil-bastun x’għandna nagħmlu? – għajtu dawk li kienu madwar il-mexxej.

– Hemm hi x-xatba! Hemm hi x-xatba! – għajtu t-tfal waqt li ppuntaw lejn ix-xatba li kienet oppost tagħhom.

– Isktu, tfal!

– Alla għinna, x’inhu jiġri? – in-nisa għamlu s-salib b’idejhom.

– Tgħidux kelma waħda! Jaf x’inhu jagħmel. Waqqaw il-ħajt!

F’daqqa waħda, kissruh il-ħajt, bħallikieku qatt ma kien eżista.

Qabżu l-fdalijiet tal-ħajt u baqgħu mixjin.

Bil-kemm kienu għamlu mitt pass, meta il-mexxej ħabbat ġo sġajra xewkija, u waqaf. Irnexxilu jillibera ruħu b’diffikultà kbira u wara, beda jtektek il-bastun f’kull direzzjoni. Ħadd ma ċċaqlaq.

– U issa x’ġara?– għajtu dawk li kienu qedgħin fuq wara.

– Aqtgħu din ix-xitla! – għajtu lura dawk li kienu bilwieqfa ħdejn il-mexxej.

– Hemm hi t-triq, wara ix-xitel! Hemm ara! – werżqu t-tfal u ħafna nies li kienu qedgħin fuq wara.

– Hemm hi t-triq! Hemm hi t-triq! –daħqu bihom dawk li kienu madwar il-mexxej, waqt li bdew jimitawhom bir-rabbja kollha. – Aħna rġiel għomja, kif nistgħu naraw inkunu nafu fejn ħa jeħodna? Mhux kullħadd jista’ jagħti l-ordnijiet. Il-mexxej jaf l-aħjar u l-aktar rotta diretta. Aqtgħu ix-xitla!

Huma intefgħu jiżbarazzaw il-passaġġ.

– Ajma! – għajjat xi ħadd li kellu xewka mwaħħla f’idu u xi ħadd ieħor li kellu wiċċu milqut minn fergħa tat-tut tal-għollieq.

– Aħwa, ma tistgħu takkwistaw xejn għal xejn. Tridu titbagħlu biex tirnexxu, – wieġeb l-aktar kuraġġuż fost il-ġemgħa.

Irnexxilhom iwaqqaw l-isġajra wara ħafna sforzi u komplew il-mixja tagħhom.

Wara li komplew it-tidwira tagħhom, inzertaw ċint magħmul miz-zkuk. Dan, ukoll ġie mkisser. Imbagħad komplex il-mixja tagħhom.

Fl-ewwel jum, ma tantx mxew għaliex kellhom jaħkmu ħafna ostakoli tal-istess tip. Dan kollu kellhom jagħmluh fuq stonku bażikament vojt għax xi ftit minnhom kulma kienu ġabu kien ħobż xott u xi ftit ġobon, waqt li xi nies oħra kulma kellhom xi ftit ħobż biex ixabbahom. Kien hemm xi ftit minnhom li lanqas xejn ma kellhom. Fortunatament, kien is-Sajf, allura l’hinn u l’hawn, setgħu jsibu siġar tal-frott.

B’hekk, minkejja li fl-ewwel ġurnata ma tantx kienu għadhom imxew, kellhom għeja enormi fuqhom. Ma kinux inzertaw perikli, u ma kellhomx inċidenti lanqas. Naturalment, fi proġett daqshekk kbir, dawn l-avvenimenti jridu jiġu meqjusa tnietef: xewka mweħħla fl-għajn ix-xellugija ta’ waħda mara, li għattiet b’ċarruta; tifel minnhom laqat siequ ma’ zokk u spiċċa jinfexx jibki w jzappap; raġel xwejjaħ tgerbeb fi sġajra tat-tut tal-għollieq u fekkek l-għaksa; wara li indilkitlu basla mgħaffġa, ir-raġel bil-kuraġġ kollu felaħ l-uġigħ u, imxaqleb fuq il-bastun tiegħu, zappap ‘il quddiem qalbieni wara l-mexxej. (Onestament, ħafna nies qalu li x-xwejjaħ kien qed jigdeb ħabba l-għaksa, li kien biss qed jilgħabuha tal-ferut għax kien fuq ix-xwiek biex imur lura.) Malli għadda ż-żmien, ftit biss kien għad baqa’ li ma kellhomx xi xewka f’dirgħajhom jew wiċċhom migruf. L-irġiel felħu kollox erojikament waqt li n-nisa seħħtu s-siegħa u l-mument li telqu u t-tfal bkew, naturalment, għaliex ma fehmux li dan il-ħtabit u l-uġigħ kien se jiġi premjat bil-kbir.

Għal grazzja t’Alla, lill-mexxej ma kien ġralu xejn. Frankament, biex inkunu onesti, kien protett ħafna, però xorta, dan ir-raġel kien sempliċiment fortunat. Fil-kamp tal-ewwel lejl, kulħadd talab u rringrazzja l-Alla li l-vraġġ tal-jum kien ta’ suċċess u li lill-mexxej ma kinux inqalaqlu disgrazzji. Imbagħad wieħed mill-aktar irġiel kuraġġużi beda jitkellem. Wiċċu kien migruf mis-sġajra tat-tut tal-għollieq, iżda xejn ma mpurtah minn dan.

– Aħwa, – beda. – Ġurnata ta’ suċċess tinstab warajna, għall-grazzja t’Alla. It-triq mhux faċli, iżda rridu nissapportu għaliex kollha kemm aħna nafu li din it-triq diffiċli se twassalna għall-hena. Jalla l-Mulej iżomm idejh fuq il-mexxej tagħna, minn kull deni sabiex ikun jista’ jkompli jigwidana bis-suċċess.

– Jekk għada l-affarijiet imorru bħal ma marru llum, ħa nispiċċa nitlef l-għajn l-oħra! – għajtet waħda mara bir-rabbja.

– Ajma, sieqi! – ix-xwejjaħ għajjat, imħeġġeġ mir-rimarka ta’ din il-mara.

It-tfal baqgħu jeqirdu u jnewwħu, u l-ommijiet bdew isibuha diffiċli isiktuhom sabiex il-kelliem ikun jista’ jinstema.

– Iva, ħa titlef l-għajn l-oħra, – qal bir-rabbja kollha, – u jalla titlifhom it-tnejn! Mhux xi disgrazzja għal mara waħda li titlef il-vista minn għajnejhom it-tnejn, għal kawża tajba. Imissek tistħi! Ma taħsibx għall-futur tat-tfal tiegħek? Tħalli nofsna imutu f’dan il-proġett! X’differenza tagħmel? X’inhi għajn waħda? X’użu għandhom għajnejk meta hemm xi ħadd ieħor iħares għalina u jigwidana lejn l-hena? Għandna nabbandunaw din il-biċċa xogħol biss minħabba għajnejk u minħabba sieq ix-xwejjaħ?

– Qed jigdeb! Ix-xwejjaħ qed jigdeb! Qed jagħmilha taparsi weġġa sabiex imur lura, – l-ilħna bdew jirbombjaw jgħidu minn kull naħa.

– Aħwa, kull min ma jridx ikompli mixi magħna, – Reġa’ qal il-kelliem – Ħallieh imur lura, minflok il-garr u minflok inħalluh ibaqbaqna. Sa fejn jikkonċerna lili, jien ħa nsegwi lill-mexxej għaref tagħna sakemm nibqa’ ħaj!

– Aħna kollha ħa nsegwuh! Aħna kollha ħa nsegwuh sakemm nibqgħu ħajjin!

Il-mexxej kien siket.

Kulħadd beda jħares lejl u jfesfes:

– Mitluf fi ħsibijietu!

– Raġel għaref!

– Ara ġbinu!

– U dejjem jitkerrah!

– Serju!

– Huwa kuraġġuż! Dan tista’ tara f’kull ħaġa li jagħmel.

– Dażgur! Ħitan usġajjar tat-tut – jaħrat kollox. Itektek il-bastun, ma jgħid xejn, u dejjem trid taqta’ xi jkolli fuq moħħu.

(il-paġna li jmiss)

Mexxej (1/3)

– Aħwa u ħbieb, jien smajt dak li kellkom tgħidu, iżda issa nitlobkom tisimgħu lili. Id-deliberazzjonijiet u t-taħditiet tagħna, ma jiswew għalxejn sakemm nibqgħu f’dan ir-reġjun sterili. F’din il-ħamrija ramlija u fuq dan il-blat, xejn ma seta’ jikber, anki meta kellna snin ta’ xita, aħseb u ara f’din in-nixfa li ħadd qatt ra bħalha qatt qabel. Kemm se ndumu niltaqgħu hekk u nitkellmu fix-xejn? Il-baqar qed imutu bil-ġuħ mingħajr ikel, u daqt aħna u wliedna nispiċċaw immutu bil-ġuħ bħalhom. Hemm bżonn li nsibu soluzzjoni li hija aħjar u iktar sensibbli. Naħseb li l-aħjar, nitilqu minn din l-art niexfa u mmorru infittxu art aħjar, b’ħamrija aktar fertili għaliex inkella, ma nafx kemm nistgħu nkomplu ngħixu hekk.

B’hekk, abitant ta’ xi provinċja infertili, darba kien qalilna f’laqgħa, b’vuċi għajjiena. Naħseb li fejn u meta ġara dan kollu, la jikkonċerna lilek, u lanqas lili. Huwa importanti li temmini, li din il-ġrajja ġrat x’imkien f’xi art ħafna snin ilu, u dak biżżejjed. Onestament, f’xi punt, ħsibt li ivvintajt din l-istorja kompletament, iżda ftit ftit, ħlist lili nnifsi minn din id-delużjoni. Issa, nemmen bis-sħiħ, li se nirrelata x’verament ġara, u dak li żgur ġara x’imkien u f’xi darba u li qatt ma stajt inħarref din il-ġrajja.

Is-semmiegħa, b’uċuh pallidi, imqallba u ħarsiet vojta, dgħumin, kważi ħarsiet mingħajr ebda fehim, b’idejhom taħt iċ-ċinturini tagħhom, qishom qamu mill-mewt bil-ħoss ta’ dawn il-kliem għarfa. Kollha kemm huma kienu qed jimmaġinaw li kienu f’xi ġenna tal-art maġika, fejn il-premju għat-tip ta’ xogħol li jkissirlek dahrek, kien ikun ħsad enormi.

– Għandu raġun! Għandu raġun! – fesfsu minn taħt l-ilsien l-ilħna għajjenin, minn kull naħa.

– Dan il-post qr…i…b? – instemgħet gemgima mill-kantuniera.

– Aħwa! – beda ieħor b’leħen aktar qawwi. – Irridu nsegwu dan il-parir minnufih, għax ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Ħdimna u tbagħalna, kollu għalxejn. Żrajna ż-żrieragħ li stajna użajna għall-ikel, iżda għamel l-għargħar u ġarr iż-żerriegħa u l-ħamrija minn fuq l-għoljiet, sakemm ħalla biss blat mikxuf. X’nagħmlu: nibqgħu hawnhekk għal dejjem u nitbagħlu minn filgħodu sa filgħaxija biex xorta nispiċċaw bil-guħ u bil-għatx, għarwenin u ħafjin? Imissna mmorru u nfittxu art iktar fertili, fejn tħabitna jrodd il-ħxejjex.

– Ejja ħa mmorru! Ejja ħa mmorru minnufih, għax f’dan il-post, m’għadekx tista’ tgħix!

Qam il-gemgim, u kulħadd beda jitbiegħed, mingħajr ebda ħsieb.

– Stennew, aħwa! Fejn sejrin? – reġa’ beda l-ewwel kelliem. – Dażgur li għandna mmorru, imma mhux hekk! Irridu nfasslu l-pjan ta’ fejn ħa mmorru l-ewwel, inkella ħa nispiċċaw qagħda agħar milli qegħdin fiha, milli nsalvaw lilna nfusna. Nissuġġerixxi li nagħżlu mexxej li jkollna nobdu u li jurina l-aħjar triq.

– Ejjew ħa nfittxu nagħżlu! Ejjew ħa nfittxu nagħżlu minnufih, – dlonk instema’ minn kull naħa.

F’daqqa waħda, bdew ifeġġu l-argumenti…kaos totali. Kullħadd jitkellem fuq kulħadd, u ħadd ma setgħa jisma’ . Bdew jinqasmu fi gruppi, u kull persuna bdiet tfesfes f’qalbha, u mbagħad anki l-gruppi spiċċaw inqasmu. Tnejn tnejn, bdew ilabalbu, jitqażżu, jiġbdu lil xulxin minn kmiemhom, u jagħmlu s-sinjali b’idejhom biex jissilenzjaw lil ħaddieħor. Minnufih, inġabru u reġgħu bdew jitkellmu.

– Aħwa!–dlonk feġġet vuċi qawwija li għattiet l-ilħna maħnuqin l-oħra. – Hekk m’aħna ħa naslu mkien. Kulħadd qed jitkellem, imma ħadd mhu qed jisma’. Ejja ħa nagħżlu mexxej! Lil min fostna nistgħu nagħżlu? Min fostna vjaġġa biżżejjed biex ikun jaf it-toroq? Aħna kollha nafu lil xulxin sew. Anzi, għiduli min huwa dak il-vjaġġatur li qiegħed hemm li ilu bilqiegħda fid-dell, fit-tarf tat-triq minn dalgħodu?

Faqqas is-silenzju. Kulħadd dar lejn l-għarib u analizzah minn rasu sa saqajh.

Il-vjaġġatur, mezza-età, b’wiċċ mudlam li bil-kemm stajt tarah, barra x-xagħar twil li kellu u d-daqna, poġġa u baqa’ siket bħal qabel, ħosbien, u tektek il-bastun kbir tiegħu mal-art kull ftit.

– Il-bieraħ rajt lil dak l-istess raġel ma’ tfajjel żgħir. Kienu qed iżommu jdejn xulxin, huma u mixjin fit-triq. Il-lejl li għadda, it-tfajjel telaq mill-villaġġ, imma il-vjaġġatur hawn baqa’.

– Sieħbi, insa dawn it-tnietef ħalli ma naħlux ħin. Hu min hu, ġie mill-bogħod, peress li ħadd minna ma jafu allura, bilfors jaf l-iqsar u l-aħjar triq li nistgħu nieħdu. Jien naħseb li huwa raġel għaref ħafna, għax qiegħed bilqiegħda hemm fil-kwietjaħseb. Ħaddieħor kieku ġa kien jiġi jitkixxef fl-affarijiet tagħna xi għaxar darbiet jekk mhux iktar, jew kien jibda jitkellem magħna, imma baqa’ bilqiegħda hemm fis-skiet.

– Ovvja li qiegħed bilqiegħda fis-skiet, għaliex imħasseb fuq xi ħaġa. Bilfors hekk…sakemm mhux xi wieħed bravu ħafna – qablu l-oħrajn, u minnufih, reġgħu bdew jeżaminaw lil dan l-għarib. Kollha kemm huma skoprew xi karatteristika brillanti fih, bħala xhieda tal-intellett straordinarju ta’ dan ir-raġel.

Ma damux wisq aktar jitkellmu, allura fl-aħħar, kollha kemm huma qablu li jaqblilhom jistaqsu lil dan il-vjaġġatur – li madanakollu dehrilhom, li kien mibgħut minn Alla biex jiggwidahom waqt it-tfittxija għal territorju aħjar u ħamrija aktar fertili. Hu jmissu jkun sidhom, u jmisshom jisimgħu dak li jgħidilhom u jobduh mingħajr ebda dubbju.

Huma għażlu għaxart irġiel fosthom, li kienu ħa jmorru jispjegaw id-deċiżjoni tagħhom lil dak ir-raġel. Din id-delegazzjoni, kienet sabiex juruh, kemm hija miżerabbli s-sitwazzjoni attwali u biex jitolbuh isir il-mexxej tagħhom.

Allura l-għaxra, mxew lejh u sellmulu umilment. Wieħed minnhom beda jitkellem rigward il-ħamrija ħwejla ta’ dak il-post, rigward in-nixfa li kellhom għal snin sħaħ u d-diqa li kienu kollha jinstabu fiha. Hu lesta f’dan il-mod:

– Dawn il-kundizzjonijiet iġiegħluna nitilqu djarna u artna, u mmorru għal għonq it-triq biex insibu art aħjar. F’dan il-mument, meta fl-aħħar irnexxielna naqblu, qishu Alla ħenn għalina, u bagħtilna lilek – int, raġel għaref u xieraq – u li int ħa tmexxina u teħlisna mid-diqa li għandna. F’isem l-abitanti t’hawn, nitolbuk tkun il-mexxej tagħna. Kull fejn tmur, insegwuk. Int taf it-toroq u żgur twelidt f’post aħjar u aktar hieni. Aħna ħa nisimgħuk u nobdu kull kmand li ttina. X’taħseb, raġel għaref, taċċetta li ssalva dawn l-erwieħ kollha mill-faqar? Ħa tkun il-mexxej tagħna?

Waqt dan id-diskors, l-għaref qatt m’għolla rasu. Kif kien qed jiġri dan kollu, baqa’ fl-istess pożizzjoni li kienu sabuh fiha. Rasu kienet baxxuta, kien qed jitkerrah, u xejn ma ħareġ minn fommu. Kull ma kien qed jagħmel, huwa jtektek il-bastun mal-art minn ħin għall-ieħor u – jaħseb. Meta waqfet il-priedka, gedwed b’mod konċiż u bil-mod, mingħajr ma ċċaqlaq:

– Hekk se nagħmel!

– Mela nistgħu niġu miegħek u nfittxu post aħjar?

– Tistgħu! – Kompla mingħajr m’għolla rasu.

Minnufih, wiċċhom xegħel mimli entużjażmu u apprezzament, iżda l-għaref ma rreaġixiex.

L-għaxra informaw lill-ġemgħa bis-suċċess li kellhom, u żiedu wkoll li issa biss raw kemm verament fih għerf dan ir-raġel.

– Lanqas biss iċċaqlaq jew għolla rasu biex almenu jara min kien qed ikellmu. Baqa’ bilqiegħda fil-kwiet jimmedita. Għat-tpaċpiċ u l-apprezzament kollu tagħna, erbgħat ikliem biss lissen.

– Għaref ta’ veru! Intelliġenza ta’ barra minn hawn! – għajtu kollha kemm huma, mimlijin bil-ferħ. Sostnew li Alla stess kien bagħtu bħala anġlu mill-ġenna biex isalvahom. Kollha kemm huma kienu konvinti li dan il-mexxej, li ħadd ma seta’ jferfex, suċċess biss seta’ jġibbilhom. Allura, il-pjan kien imfassal biex l’għada jibdew il-vjaġġ tagħhom ma’ tbexbixet il-jum.

(il-paġna li jmiss)